Il-Librerija Maltija
Fil-bidu
Il-Librerija Maltija twaqqfet fl-2009, qabel ma twaqqaf iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti. Tiġbor fiha kopji stampati ta’ ħafna mill-pubblikazzjonijiet miktubin bil-Malti u ta’ xogħlijiet tradotti għall-Malti mill-ġeneri kollha - minn kotba għat-tfal sa traduzzjonijiet tal-Bibbja, minn kotba tat-tisjir sal-istorja tal-moviment trejdunjonistiku. Il-kollezzjoni tifforma sezzjoni separata mil-Librerija tal-Istat u tal-Università ta’ Bremen. Il-volumi huma aċċessibbli bħala materjal ta' referenza fiċ-Ċentru tal-Ilsien Malti u jistgħu jintużaw għar-riċerka. Il-kollezzjoni hija aġġornata kontinwament minn kunsinni annwali, tant li llum il-ġurnata, il-Librerija Maltija fiha aktar minn 1,000 volum (abbażi tal-aħħar aġġornament f’Diċembru 2023). Hija għalhekk riżorsa prattika u siewja mhux biss għal riċerka empirika fil-lingwistika iżda wkoll għal studji kulturali, letterarji u studji fuq it-traduzzjoni. Informazzjoni fuq it-titli kollha li jinsabu f’din il-librerija tista’ taċċessaha permezz ta' din il-ħolqa għal Zotero.