Nhar is-Sibt, 2 ta’ Novembru 2024, ġiet organizzata attività fil-Kampus tal-Belt tal-Università ta’ Malta li matulha tnieda s-sit il-ġdid tal-Malta Centre (Bremen-Malta), maltacentre.eu, u sar workshop tal-glossing għall-Malti.
Fil-lingwistika, il-glossing jirreferi għal sensiela ta' spjegazzjonijiet qosra, bħal qishom markaturi morfosintattiċi, imdaħħla f'testi akkademiċi u xogħlijiet oħra ta' natura lingwistika. Dawn il-markaturi jitqiegħdu bejn l-eżempju u t-traduzzjoni tal-frażijiet/sentenzi fil-lingwa studjata. Il-glossing, mela, jippermetti lir-riċerkaturi jidentifikaw il-komponenti varji, magħrufa bħala morfemi, li jiffurmaw parti mill-eżempju inkwistjoni.
Beda l-laqgħa l-Prof. Michael Spagnol, li rringrazzja lil kull min ta sehmu fit-twaqqif tal-Malta Centre u fl-organizzar tal-attivitajiet tiegħu. Warajh tkellmu Raffaello Bezzina u Michela Vella, li nedew is-sit il-ġdid tal-Malta Centre u wrew lill-udjenza t-taqsimiet li fih, inklużi l-għanijiet u l-istorja tal-Malta Centre, u għodod utli oħra, fosthom biblijografija ta’ xogħlijiet lingwistiċi fil-Malti. Esprimew ix-xewqa li kull min għandu xi suġġeriment biex itejjeb is-sit, jikkuntattja lill-Malta Centre mill-buttuna “Kellimna” li qiegħda fis-sit stess.
Wara t-tnedija tas-sit, il-Prof. Ray Fabri ta taħdita fuq xi problemi marbutin mal-glossing għall-Malti, u l-Prof. Thomas Stolz spjega kif il-glossing “jiffaċilita l-komunikazzjoni internazzjonali dwar il-lingwistika.”
Il-parteċipanti tal-workshop inqasmu fi gruppi u ntalbu jagħmlu l-glossing ta’ xi ftit kliem u frażijiet bil-Malti. Wara ddiskutew l-intoppi li ltaqgħu magħhom u xi soluzzjonijiet.
Il-parteċipanti u l-organizzaturi qablu li għandu jinħatar kumitat ta’ esperti biex, flimkien, joħolqu manwal ta' linji gwida tal-glossing għall-Malti. Dan il-kumitat għandu jressaq il-proposti tiegħu quddiem il-membri tal-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija (GĦILM) fil-Konferenza Internazzjonali fuq il-Lingwistika Maltija tas-sena d-dieħla u, eventwalment, jippubblikahom.

Diskussjoni fuq ir-regoli tal-glossing għall-Malti