Fid-9 ta’ Frar, fil-kampus tal-Belt (UM), ittellgħet attività li matulha saret it-tnedija uffiċjali tal-fergħa lokali taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti.
Din l-attività saret fl-isfond tat-tiġdid tal-ftehim bejn l-Università ta’ Malta u l-Università ta’ Bremen, il-Ġermanja, li sar f’Ġunju tal-2022, u li fih twaqqfet fergħa lokali ta’ dan iċ-Ċentru. Għal din l-attività ġew mistiedna l-Prof. Thomas Stolz u Maike Vorholt li huma responsabbli mit-tmexxija taċ-Ċentru fl-Università ta’ Bremen.
Fl-ewwel siegħa, saru diskorsi qosra minn Prof. Fabri, Dr Spagnol u Prof. Stolz li tkellmu dwar it-twaqqif, l-istorja u l-għanijiet ta’ dan iċ-Ċentru. Tkellmu wkoll l-amministraturi taż-żewġ fergħat, Maike Vorholt, Michela Vella u Raffaello Bezzina, li ddiskutew xi ideat u proġetti għall-futur.
Fit-tieni siegħa, il-Prof. Thomas Stolz ta taħdita bl-isem ta’ Special Toponymic Grammar in Maltese and beyond.
Fid-dawl tat-tiġdid tal-ftehim bejn iż-żewġ Universitajiet u bħala inizjattiva ta’ kollaborazzjoni, Maike Vorholt, l-amministratriċi tal-fergħa fi Bremen, qattgħet ġimgħa ġewwa Malta. Matul din il-ġimgħa, hi u l-uffiċjali tar-riċerka tal-fergħa lokali fasslu pjan ta’ ħidma għax-xhur li ġejjin u kellhom diversi laqgħat dwar proġetti futuri, fosthom il-konferenza tal-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija (GĦILM) li se ssir fi Bremen f’Settembru li ġej.