Id-9 Konferenza Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija

Id-9 Konferenza Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija, organizzata mill-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija (GĦILM), saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2025 fil-Heinrich-Heine-Universität Düsseldorf, il-Ġermanja, bit-tema “Rooting for Maltese”. Il-konferenza ġabret flimkien aktar minn 30 riċerkatur minn diversi pajjiżi fosthom Malta, il-Ġermanja, Franza, is-Slovakkja, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u ċ-Ċina.

Il-programm kien fih 21 preżentazzjoni u fetaħ b’taħdita mill-kelliema mistiedna Dr Jessica Nieder (L-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, UM) dwar “The State of Maltese Linguistic Research”. Il-preżentazzjonijiet koprew diversi oqsma tar-riċerka lingwistika bħall-morfoloġija, il-fonetika u l-fonoloġija, is-sintassi, u s-soċjolingwistika.

Punt ewlieni tal-ewwel jum kien workshop dwar l-għerq konsonantali fil-Malti u l-lingwi Semitiċi li offra għarfien ġdid dwar l-istruttura u s-sinifikat tiegħu. Bħal fil-konferenzi preċedenti, se joħroġ volum editjat bi studji magħżula, biex titkompla t-tradizzjoni tal-GĦILM li tippubblika l-atti tal-konferenzi tagħha.

Mument speċjali fit-tieni jum kien il-preżentazzjoni ta’ Festschrift ad unur il-Prof. Thomas Stolz. Il-Prof. Stolz, li kien il-President tal-GĦILM mit-twaqqif tagħha fl-2007, ġie ċċelebrat bil-volum quam lingua melitea hic subicio. Studies in Maltese Linguistics dedicated to Thomas Stolz on the occasion of his 68th birthday, editjat minn Slavomír Čéplö u Adam Ussishkin. Il-pubblikazzjoni hija disponibbli b’xejn online fuq https://festschrift-stolz.de.

Il-konferenza kienet ikkoordinata minn Prof. Ruben van de Vijver (Heinrich-Heine-Universität Düsseldorf) b’kollaborazzjoni mal-Malta Centre, rappreżentat minn Raffaello Bezzina (Malta), Michela Vella (Malta), u Maike Vorholt (Bremen). Għaddejjin tħejjijiet għall-10 Konferenza Internazzjonali dwar il-Lingwistika Maltija, skedata għall-2027 f’Malta.

L-GĦILM twaqqfet waqt l-ewwel konferenza li saret fi Bremen fl-2007, u saret ċentru ewlieni għall-istudjużi tal-lingwistika Maltija. L-GĦILM tiġbed studjużi minn diversi pajjiżi minn madwar id-dinja. Konferenzi preċedenti saru fi Bremen, Malta, Lyon, Turin, Bratislava u Krakovja. Ġie ffurmat kumitat biex jieħu ħsieb il-ħatra ta’ president ġdid u l-abbozzar tal-istatut u r-regolamenti biex jiggwidaw il-futur tal-assoċjazzjoni.