It-8 Konferenza tal-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija (GĦILM)

It-8 Konferenza tal-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija (GĦILM) saret bejn it-18 u l-21 ta’ Settembru fl-Università ta’ Bremen, il-Ġermanja. Aktar minn 30 riċerkatur u riċerkatriċi attendew il-konferenza “The Next Century of Maltese Linguistics”. Il-konferenza tal-GĦILM, li ssir kull sentejn, tattira riċerkaturi minn Malta u minn madwar id-dinja li jaħdmu fuq il-lingwistika Maltija. Letturi u riċerkaturi mill-Università ta’ Malta, l-aktar mid-Dipartiment tal-Malti u l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, taw sehemhom f’din il-konferenza.

Matul il-konferenza ngħataw 27 taħdita, fosthom żewġ taħditiet plenarji mill-Prof. Andrei Avram (l-Università ta’ Bukarest) u l-Prof. Dominique Caubet (INALCO, Pariġi). Il-preżentazzjonijiet koprew firxa ta’ suġġetti inklużi l-lingwistika teoretika, is-soċjolingwistika, l-istilistika u l-lingwistika komputazzjonali. Se jiġi ppubblikat volum editjat ta’ wħud mix-xogħlijiet ippreżentati bħalma sar wara kull konferenza tal-GĦILM.

L-GĦILM twaqqfet waqt l-ewwel konferenza li saret fi Bremen fl-2007, u minn dakinhar ġiet ippreseduta mill-Prof. Thomas Stolz (l-Università ta’ Bremen, il-Ġermanja). L-GĦILM tiġbed studjużi minn diversi pajjiżi, fosthom Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, Malta, New Zealand, il-Polonja, is-Slovakkja, Spanja u l-Istati Uniti. Konferenzi preċedenti saru fi Bremen, Malta, Lyon, Turin, Bratislava u Kraków. Id-9 konferenza hija ppjanata għall-2025. Iż-żewġ fergħat taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti fi Bremen u f’Malta kienu responsabbli mill-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ dan l-avveniment u pprovdew appoġġ finanzjarju biex jittella’. Il-kumitat organizzattiv kien jikkonsisti mill-Prof. Thomas Stolz u Maike Vorholt (l-Università ta’ Bremen) u mill-Prof. Ray Fabri, Dr Michael Spagnol, Raffaello Bezzina u Michela Vella (l-Università ta’ Malta). Il-konferenza kienet suċċess u ż-żewġ fergħat taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti huma ħerqanin li jorganizzaw avvenimenti oħrajn li jippromwovu l-lingwistika Maltija fuq livell internazzjonali.